top of page
Il-Banda San Mikiel 

Għall-ħabta tal-1883, is-Surmast Giuseppe Micallef flimkien ma’ Dun Vinċenz Pace, ġabar xi żgħażagħ u waqqfu s-Societa` Filarmonica del Zabbar. Il-fundatur, promotur u aktar tard President ta’ din is-soċjeta` kien l-avukat Pasquale de Lorenzo. Mal-poplu, dan l-avukat kien miżmum bħala ħabib tan-nies kollha u kien protettur tal-fqar, kif ukoll nisrani ta’ veru. It-tagħlim tal-mużika lil dawn iż-żgħażagħ sa mill-1870 u aktarx qabel, minn Mro. Carmelo Abela Scolaro jawtentika l-ħsieb jew l-eżistenza ta’ xi istituzzjoni jew soċjeta` mużikali f’Ħaż-Żabbar. Dawn iż-żgħażagħ, skont ma jagħti x’jifhem Mro. Giuseppe Micallef stess, kienu min-naħa tal-Misraħ. Dan ikompli jixhed kemm tassew din il-pjazza antika tal-Misraħ, barra li hija l-qalba ta’ Citta Hompesch li minnha fl-imgħoddi mbiegħed u iżjed qrib ħarġu l-arterji li kabbru u taw is-saħħa lil Ħaż-Żabbar, hi wkoll l-għajn u l-ġnien li fiha fetaħ u trawwem l-ewwel inwar mużikali.
 

Din il-banda, bħall-baned kollha li kienu jitwaqqfu fil-bliet u rħula Maltin, damet xi snin magħrufa bl-isem ta’ pajjiżha – Societa` Filarmonica del Zabbar. Dan għaliex l-ewwel baned li jitwaqqfu kienu jitgħammdu bl-isem ta’ raħalhom jew belthom u dan il-fatt jixhed li l-Banda tagħna hija l-ewwel waħda Żabbarija. Fl-1887 seħħet firda, b’uħud mill-bandisti flimkien mal-kumitat, riedu lill-bravu Mro. Abela Scolaro bħala Surmast Direttur, filwaqt li xi bandisti oħra riedu jibqgħu taħt is-Surmast Giuseppe Micallef. B’riżultat ta’ dan, il-belt ta’ Ħaż-Żabbar safa b’żewġ baned.
 

F’din il-tilwima, il-kumitat u l-bandisti li għażlu lis-Surmast Carmelo Abela Scolaro, baqgħu fl-istess Sede ġewwa l-Misraħ, kif ukoll żammew l-isem oriġinali ta’ Societa` Filarmonica del Zabbar, wara bħala Societa` Filarmonica San Michele, aktar tard Għaqda Mużikali San Mikiel u llum Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel.
 

Sa minn tmiem is-seklu u sa ftit wara it-Tieni Gwerra Dinjija, il-baned kollha iżjed kienu jissemmew bil-laqam milli bil-propju isem tagħhom. Kull banda jew każin li jitwaqqaf mill-ewwel kienu jsibulu laqam. Is-Societa` Filarmonica San Michele mill-ewwel laqqmuha “tal-Bajda“. Dan hemm min jorbtu mal-fatt li mat-twaqqif tagħha ttellgħet bandiera bajda biex turi l-indipendenza tagħha mill-każin rivali tal-istess belt. Hemm diversi verżjonijiet oħra, pero` minn studju li sar juri biċ-ċar li l-laqam ġie minn bandiera bajda bil-burdura ħadra u bit-tarka f’nofsha. Fl-anglu kien hemm l-ittri “Q.U.D.” li jfissru“Quis ut Deus” jiġifieri “Min bħal Alla?” Dawn l-ittri malajr ġew imdawwra għal “Kukka” u eventwalment “tal-Bajda”.
 

Il-Banda San Mikiel minn dejjem kellha Surmastijiet li għamlulha ġieh. Fosthom insemmu lil Mro. Carmelo Abela Scolaro, Mro. Giuseppe Micallef, Mro. Antonio Micallef, Mro. Hector Dalli, Mro. Adeodato Gatt, il-“Princep tal-Marċi Maltin” Mro. Luigi Bongailas, Mro. Twanny Chircop u Mro. Charles Wallace Suda fost oħrajn. Ma nistgħux ma nsemmux lill-bravu Mro. David Agius li hu s-Surmast attwali ta’ din il-Banda. U la qed nitkellmu fuq il-banda, ma nistgħux ma nsemmux xi avvenimenti importanti li komplew għollew isem il-Banda San Mikiel.
 

Safejn hu magħruf uffiċjalment, il-Banda San Mikiel kienet l-ewwel banda Maltija li bdiet tilqa’ lin-nisa fi ħdana. Fl-1954, fost il-bandisti, kellha lil Grace Barnett. Kienet iddoqq l-euphonium. Damet iddoqq mal-Banda sa April tal-1956. Il-Banda San Mikiel kienet ukoll waħda mill-ewwel baned Maltin, wara l-King’s Own, li daqqet fil-pubbliku l-Innu Nazzjonali miktub minn Dun Karm Psaila u mmużikat mill-kirurgu maġġur Robert Samut. Dan seħħ nhar lejlet il-festa tal-Madonna tal-Grazzja, is-Sibt 10 ta’ Settembru 1938 fil-Pjazza Prince of Wales, illum Misraħ is-Sliem, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Giuseppe Deguara.
 

Iċ-ċelebrazzjonijiet li kienu saru biex jiġi mfakkar l-ewwel Ċentinarju tal-Għaqda wkoll jibqa’ mnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja glorjuża tagħna. L-attivitajiet kienu saru bejn l-1 u l-10 ta’ Settembru tal-1983. L-aqwa fosthom kien il-programm Vokali u Strumentali mill-Banda San Mikiel immexxija mis-Surmast Direttur ta’ dak iż-żmien Mro. John J. Pace, nhar is-Sibt 3 ta’ Settembru. Fost bċejjeċ mużikali ndaqqu u tkantaw l-“Innu Klassiku u Uffiċjali tal-Inkurunazzjoni”, kompożizzjoni ta’ Mro. Giuseppe Casapinta u l-“Għanja Sinfonika taċ-Ċentinarju”, xogħol Mro. John J. Pace. Il-versi taż-żewġ kompożizzjonijiet ġew minsuġa mill-mibki, iżda qatt minsi Karmenu Ellul Galea, ex-President tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel. Indaqqet ukoll il-Gran Marcia “Mitt Sena” ta’ Mro. Paul Buttigieg.
 

Matul iż-żminijiet, il-Banda San Mikiel kellha ħafna okkażjonijiet biex issemma leħinha, tista’ tgħid madwar il-gżejjer Maltin kollha. Iżda mhux biss! Kienu diversi l-pajjiżi barranin li fihom ġiet mistiedna l-banda biex tagħti s-servizz tagħha. Sal-lum, hija l-unika banda Żabbarija li waslet biex tittimbra l-passaport tagħha u turi t-talenti tagħha fuq livell internazzjonali. Għal aktar informazzjoni fuq id-disa’ safriet tal-Banda San Mikiel żur it-taqsima Safar.
 

Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, il-Banda San Mikiel minn dejjem kellha element ta’ bandisti li spikkaw. Ħarġu minnha l-aqwa mużiċisti. Dan jikkonfermawh ir-riżultati miksuba minn żmien għall-ieħor mill-bandisti tal-post fil-Gara Mużikali li ta’ kull sena tiġi organizzata mill-Għaqda Każini tal-Baned. Biżżejjed ngħidu li bejn is-sena 1989 u s-sena 1997, il-Banda San Mikiel u l-bandisti tagħha ġew klassifikati 8 darbiet l-ewwel.
 

Il-Banda San Mikiel kellha sehem kbir fl-akbar avveniment li seħħ f’Beltna Hompesch – l-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Madonna tal-Grazzja. Nhar l-1 ta’ Settembru 1951, lejlet l-Inkurunazzjoni, il-banda daqqet għall-ewwel darba l-Innu Klassiku u Uffiċjali tal-Inkurunazzjoni taħt id-direzzjoni tas-Surmast Adeodato Gatt. Dan l-innu, li ħareġ mill-pinna ta’ Mro. Giuseppe Casapinta b’versi ta’ Karmenu Ellul Galea, ġie rregalat lill-Għaqda tagħna mill-Kappillan ta’ dak iż-żmien il-Wisq Reverendu Dun Ġużepp Zarb b’ kuntratt notarili li sar nhar it-8 ta’ Awissu 1951 għand in-nutar Dr..John Micallef Trigona. Dan ifisser li l-Għaqda tagħna biss għandha d-drittijiet kollha fuq dan l-innu u għalhekk ma jistax jindaqq minn l-ebda banda oħra.
 

Dan il-jum hekk għażiż baqa’ jitfakkar ta’ kull sena. Fis-sena 2001, f’għeluq il-50 Sena tal-Inkurunazzjoni, il-poplu Żabbari reġa’ nġabar f’riġlejn Ommna tal-Grazzja, din id-darba biex madwar ras il-Madonna jitpoġġa stellarju ta’ 12-il stilla tad-deheb. Għal din l-okkażjoni, nhar l-Erbgħa 22 ta’ Awissu 2001, il-Banda San Mikiel taħt d-direzzjoni tas-Surmast David Agius, esegwiet programm Vokali u Strumentali ġewwa s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja. Għal din l-okkażjoni, is-Surmast Agius ikkompona “Kantata lil Ommna Marija Santissima tal-Grazzja”, filwaqt li l-lirika saret mis-Sur Karmenu Ellul Galea.
 

Iżda ċertament li l-Banda San Mikiel ma waqfitx hemm!! Baqgħet pilastru fit-tixrid tal-arti u l-kultura mużikali matul is-snin biex hija l-omm ta’ mużiċisti li għamlu unur mhux biss lilha għax ħarġu minnha, iżda lil Malta kollha għax illum-il ġurnata huma mużiċisti magħrufa u professjonisti. L-iskola tal-mużika tal-Banda san Mikiel hija waħda mill-aqwa u dan jixhdu n-numru sabiħ ta’ allievi fi ħdanha. Il-Kunċert vokali u Strumentali li jittella’ f’Misraħ is-Sliem ġimgħa qabel il-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja qiegħed kull ma jmur iżid fil-popolarita tiegħu u l-Misraħ qed ikun mifqugħ bin-nies. Anke kull fejn tmur iddoqq il-Banda dejjem ħarġet bl-unuri kollha u ħalliet impressjoni mill-aħjar tagħha nnifisha. U l-għan tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel huwa li jkompli jxerred l-arti u l-kultura mużikali għall-ġid taż-Żabbarin u l-Maltin kollha.

bottom of page