GĦAQDA MADONNA TAL-GRAZZJA
BANDA SAN MIKIEL
ŻABBAR - A.D. 1883
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883
L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D.1883, magħrufa bħala “Tal-Bajda” twaqqfet biex tkattar l-arti u l-kultura mużikali ġewwa Ħaż-Żabbar. Il-kulur uffiċjali tal-Għaqda huwa l-kulur aħdar u l-Patruna tal-Għaqda hija l-Patruna ta’ Ħaż-Żabbar – il-Madonna tal-Grazzja, fejn tieħu sehem bis-sħiħ fil-Festa Titulari tal-Madonna tal-Grazzja li tiġi ċċelebrata l-ewwel ħadd fuq il-Vitorja; filwaqt li l-Banda hija mħarsa mill-Arkanġlu San Mikiel wara d-devozzjoni antika li missirijietna minn dejjem kellhom lejn dan l-Arkanġlu Prinċep tas-Sema u l-Għaqda torganizza festa oħra sekondarja f’ġieħ San Mikiel ġimagħtejn wara dik Titulari.
Sa fejn hu magħruf, sa minn snin qabel it-twaqqif uffiċjali ta’ din il-Banda fl-1883 bl-isem ta’ Societa` Filarmonica Del Zabbar, Mro Carmelo Abela Scolaro kien ġa ġabar xi żgħażagħ propju mill-Misraħ, fejn sal-lum għadu jiddomina s-sede tal-Għaqda, u beda jgħallimhom il-mużika. Dan kien għall-ħabta tal-1870 u dawn kienu mlaqqmin bħala d-“Dilettanti tal-Misraħ”. Iż-żmien għadda u l-Għaqda evolviet maż-żmien, biddlet isimha minn dak oriġinali ddedikat lil Ħaż-Żabbar għal Għaqda Mużikali San Mikiel taħt il-Patronċinju tal-Madonna tal-Grazzja, għal dak li huwa illum. Biddlet ukoll diversi postijiet minn fejn operat, imma baqgħet dejjem leali lejn il-post fejn il-baned Żabbarin jafu l-oriġini tagħhom – Misraħ is-Sliem. Aktar informazzjoni fuq dan kollu wieħed jista’ jsibu fis-sezzjoni Storja.
Bidu
Is-Surmast David Agius twieled fl-4 ta’ Settembru 1971. Beda l-karriera tal-mużika meta kellu biss 7 snin fil-każin tagħna ta’ San Mikiel, taħt is-surmast Charles Wallace Suda, li dak iż-żmien kien Assistent Surmast Direttur ta’ Mro. John J. Pace. Dan it-tfajjel għażel il-klarinett bħala l-istrument tiegħu. Wara li tħarreġ sewwa, ħareġ idoqq għall-ewwel darba mal-banda tagħna fl-1982. Wara sentejn biss li ħareġ idoqq il-klarinett, il-kumitat tagħna, li dak iż-żmien kien immexxi mill-President is-Sur Frankie Montford, ħatru klarinett solista tal-banda. Fi żmien qasir bdejna narawh solista fil-konkors tal-baned tal-festi nazzjonali ta’ Malta Repubblika. Dak iż-żmien il-Banda San Mikiel kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro John J. Pace. Ħasra li dawn il-konkorsi ma baqgħux isiru għax kienu ta’ ġid kulturali. Fis-snin 80, il-Ministeru tal-Kultura u Sports waqqaf il-Banda Nazzjonali ta’ Malta, fejn David mill-ewwel ġie msejjaħ bħala bandist prominenti. Din il-Banda kienet ukoll taħt id-direzzjoni ta’ Mro John J. Pace, li dak iż-żmien kienet banda mportanti fil-festi nazzjonali tal-pajjiż.
Studju biex isir Surmast Direttur
Iż-żagħżugħ David Agius kompla jistudja b’dedikazzjoni u serjeta` għand Mro John J. Pace, fejn wasal sa Grade 8 tar-‘Royal Schools of Music’. Kien jattendi wkoll fl-iskola tal-mużika ‘Johann Strauss,’ fejn kien jitħarreġ għand is-Surmast Charles Monreal. Hawn huwa kiseb suċċess bl-ogħla marki fl-eżamijiet li għamel u ġa kien wieħed mill-aħjar studenti mużiċisti ta’ din l-iskola. David ma waqafx hawn. Kompla jistudja t-teorija għand Mro Ronnie Debattista (F.L.C.M.) fejn fl-1996 u fl-1997 irnexxielu jikseb l-Honours Certificates A.Mus; V.C.M; A. Mus; L.C.M u l-A.L.C.M. Barra dawn id-diplomi fit-teorija, hu kien jattendi wkoll għal-lezzjonijiet tal-prattika tal-klarinett għand il-professur klarinettista internazzjonali Freddie Mizzi, fejn hawn Mro Agius kien membru permanenti fil-‘Clarinett Choir’ ta’ dan il-Professur Mizzi. Minn hawn, Agius beda t-triq għal Direttur Mużikali.
Qasam Bandistiku
Meta David kellu biss 20 sena ġa kien klarinettisa tajjeb ħafna, u mfittex mil-baned kollha ta’ Malta u Għawdex, fejn ħafna drabi kien jiġi mitlub jagħmel il-parti ta’ solista fil-programmi mużikali. Barra minn hekk, beda jikteb l-ewwel marċi tiegħu għall-Banda San Mikiel. L-ewwel marċ li kiteb kien jismu ‘l-Ispanjol’, wara dan il-marċ kiteb il-marċ ‘Danellus’ u l-popolari ‘Santos’. Fil-kompożizzjoni beda miexi ‘l quddiem sew u dawn il-marċi brijużi saru popolari fir-repertorju tal-baned kollha, bħal ‘Amoros’, ‘Celebrations’, ‘Al Pacino’, ‘l-Unika’ u oħrajn. Żewġ marċi li huma ta’ ċertu stoffa li nkitbu għall-Banda King’s Own tal-Belt kienu ‘Antonella’ fl-1993 u ‘Corrida’ fl-1996. Marċ ieħor ta’ ċertu temp mgħaġġel fuq stil Spanjol huwa ‘Myron Jose`’ tas-sena 2000. Mhux possibbli li nsemmi l-marċi kollha li kiteb.
Għalliem tal-istrumenti tal-qasba u Assistent Surmast ta’ tliet baned
Fl-età ta’ madwar 19-il sena, iż-żagħżugħ David Agius ġie avviċinat mill-Kumitat biex jibda jgħallem l-istrumenti tal-injam fil-każin San Mikiel, fejn dak iż-żmien kellu numru sabiħ ta’ allievi subien u bniet li kienu jattendu għal-lezzjonijiet tal-mużika. Wara dan il-perjodu, il-Kumitat reġa’ avviċinah biex jaħtru bħala Assistent Surmast tal-banda, fejn sa dak iż-żmien is-Surmast Direttur kien Mro Charles Wallace Suda. F’dan l-istess żmien, Agius ġie mitlub mill-kumitat tal-banda tal-Partit Laburista biex jaqdi d-dmirijiet ta’ Assistent Surmast tal-Banda tal-Partit u s-surmast ta’ dak iż-żmien, Mro Ray Azzopardi, kellu ħafna mpenji oħra. Meta s-surmast Azzopardi kien ikun fuq xogħol iehor, David Agius kien jieħu r-responsabbilta` tal-banda. Fl-1995 il-Kumitat tal-Banda Sant’Elena ta’ Birkirkara appunta lil Mro Agius Assistent Surmast tal-banda, kif ukoll għalliem tal-istrumenti tal-injam, kariga li għadu jokkupa sal-lum.
Fl-1997 maħtur Surmast Direttur tal-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba
Nhar it-23 ta’ Marzu 1997 ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, raħal żgħir b’qalb kbira għal dak kollu li jorganizza. Is-Surmast il-ġdid mill-ewwel beda l-ħidma mużikali tiegħu. Fi żmien xahrejn, tella’ programm mużikali fit-teatru Sir Temi Zammit fl-Universita` ta’ Malta. Dan il-programm kien intlaqa’ tajjeb mill-udjenza preżenti. Ma’ din il-banda, David Agius tella’ element żagħżugħ ta’ bandisti tal-post Imqabbin. Din is-soċjeta` li tieħu sehem fil-festa ta’ Santa Marija, għandha appuntament annwali ta’ kull sena nhar l-10 ta’ Awwissu, Progamm Vokali u Strumentali fuq il-planċier tal-banda fejn tindaqq mużika klassika u moderna. Ġrajjiet importanti ta’ din is-soċjeta` huma l-kunċert sinfoniku fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Cecilia, patruna tal-mużika u tal-baned Maltin, li sar fil-15 ta’ Novembru 2005 fit-Teatru Manoel u kien organizzat mill-Għaqda Każini tal-Banda. F’dan il-programm, is-surmast David Agius ikkompona Tone Poem ‘Musical Impressions‘. F’din il-kompożizzjoni, huwa daħħal l-eżekuzzjoni tal-arpa bħala solista qabel l-istrumentini tal-banda u tagħlaq b’mod grandjuz.
Ġrajja oħra mportanti ta’ din il-banda kienet il-mawra ġewwa l-Italja u fil-Belt tal-Vatikan, fejn daqqet f’udjenza mal-Papa f’Lulju 2007. Kompożizzjonijiet oħra tas-Surmast għal din il-banda huma d-’Domma tal-Assunta’ fis-sena 2000 għall-okkażjoni tal-għeluq il-50 sena mill-proklamazzjoni tad-domma tal-Assunta, ‘Innu Marċ lil Marija Assunta’ u numru sabiħ ta’ marċi brijużi għall-festa. Din is-sena, is-Soċjeta` Santa Marija u Banda Re Ġorġ V qed tiċċelebra l-għeluq il-mitt sena mit-twaqqif tagħha.
Fl-1999 maħtur Surmast Direttur tal-Banda Tal-Partit Laburista
Is-Surmast David Agius ilu jagħti sehmu fil-Banda tal-Partit Laburista minn meta ħareġ idoqq. Kien għadu tifel u maż-żmien sar bandist regolari, solista tal-banda u leader of the band. Għall-aħħar tas-snin 80 kienu jsiru programmi mużikali mill-banda fit-teatru tal-GWU u fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħelsien kien isir programm mużikali quddiem il-monument tal-Ħelsien ix-xatt tal-Birgu. F’wieħed minn dawn il-programmi, fl-1990, is-Surmast Agius interpreta solo mpenjattiv fuq il-klarinett fis-silta mużikaliTerzetto di Lambardi ta’ Giuseppe Verdi u wara kien idderieġa silta mużikali.
Ġrajjiet importanti ta’ din il banda taħt id-direzzjoni ta’ Mro David Agius kienu żewġ programmi vokali u strumentali, wieħed f’għeluq il-75 annivesarju tal-banda li sar fit-18 ta’ Mejju 2002 fit-teatru tal-konferenzi, il-Ħamrun. F’dan il-programm, is-Surmast Agius ħareġ b’eżekuzzjoni mill-aqwa f’teatru mimli bl-udjenza, fejn fost il-biċċiet mużikali l-banda eżekuxxiet Nightingale ta’ Harold Moss u Marcia Slava ta’ Peter J. Tchaikowsky. Programm mużikali memorabbli ieħor għas-surmast kien fid-9 ta’ Mejju 2009, fl-inawgurazzjoni tal-bandalora ġdida għall-banda, fejn idderieġa b’perfezzjoniRhapsodia Napolitana ta’ Rocco Cristiano flimkien mal-vuċijiet. Ma’ din il-banda, is-surmast eżegwixxa programmi mużikali semi klassiċi u moderni fuq xandiriet televiżivi live waqt diversi attivitajiet.
Fis-sena 2000 maħtur Surmast Direttur tal-Banda tagħna San Mikiel
Is-Surmast David Agius huwa frott mużikali tal-Banda San Mikiel. Ħa t-tmexxija tal-Banda fl-1 ta’ Jannar 2000, is-sena tal-Millenju. Huwa mill-ewwel beda l-ħidma tiegħu biex il-banda tibqa’ b’saħħitha u organizzata. Għall-festi tal-50 Anniversarju mill-Inkurunazzjoni tal-kwadru titulari xbieha mirakoluża tal-Madonna tal-Grazzja tas-Santwarju, li kienu se jiġu organizzati sena wara fl-2001, il-Kumitat mill-ewwel avviċina lil David, id-Direttur il-Ġdid, biex jikkomponi kantata għall-okkażjoni. Għal-lirika ġie avviċinat il-poeta u l-President Emeritus tal-istess Għaqda s-Sur Karmenu Ellul Galea, fejn ix-xogħol beda mill-ewwel. Wara ftit xhur, bdew il-preparamenti u l-kunċerti tal-kantata l-ġdida ‘Lil Ommna Marija Santissima tal-Grazzja’, mużika Mro David Agius fuq versi tas-Sur Karmenu Ellul Galea.
Din il-kantata hi mħejjija għall-banda bis-sehem tat-tenur, baritoni u kor fuq erba’ partijiet bl-aħħar parti tkun il-finali ta’ din it-tifkira. Din il-kantata ġdida tas-Surmast ġiet irrekordjata fuq CD, double album, flimkien mal-innu uffiċjali ‘Inkurunazzjoni lil Sidtna Marija tal-Grazzja’, mużika ta’ Mro Joseph Casapinta u versi tas-Sur Karmenu Ellul Galea. Fuq it-tieni CD ġew irrekordjati wkoll is-sett ta’ tmien marċi li kienu ndaqqu fil-jiem ta’ l-Inkurunazzjoni fl-1951. Hawn ġa kien jidher li s-Surmast David Agius kellu ħafna x’jagħmel. Imma l-kbir kien għadu ġej, għax din il-kantata kellha tiżżanżan b’akkademja fis-santwarju. Din saret nhar l-Erbgħa 22 ta’ Awwissu 2001, fejn il-kompożizzjoni tas-Surmast kienet xi ħaġa kolossali. Wara dan, l-istess programm ġie esegwit f’Misraħ is-Sliem quddiem il-każin San Mikiel nhar is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2001.
Wara din l-okkażjoni memorabbli, ix-xogħol fuq il-banda baqa’ għaddej, u l-Kumitat ħass il-ħtieġa li l-Programm ta’ Ħadd in-Nies jagħmlu fuq skala akbar. Dan kien isir fis-sala tal-każin San Mikiel. Mil-2002 ‘il quddiem beda jsir fis-Sala Notre Dame, Ħaż-Żabbar. Għal dan l-avveniment, is-Surmast Agius ipprepara programm mużikali b’siltiet mużikali mpenjattivi. Fost is-siltiet mużikali li ndaqqu, wieħed isib Suite Nutcracker Ballet ta’ Peter I. Tchaikowsky bi tmiem movimenti, u Concerto for BFlat Trumpet ta’ Hayden b’eżekuzzjoni mpekabbli. Il-Programm għalaq b’silta moderna Abba Gold. Dan il-programm kien suċċess u baqa’ jsir b’mod regolari.
F’Settembru 2004, is-Surmast Agius ipprepara l-Banda San Mikiel għall-festa ta’ San Mikiel ġewwa Palazzolo Acreide fi Sqallija. Il-Banda ħadet sehem fil-festa kollha bil-marċi u l-innijiet li għandha fir-ripertorju. Daqqet ukoll fil-purċissjoni bil-vara ta’ San Mikiel. L-Erbgħa 6 t’Ottubru il-Banda san Mikiel waslet lura Malta fejn għal darb’oħra ħarġet bl-unuri kollha.
Mit-8 sal-15 ta’ Ġunju 2005, il-Banda San Mikiel ġiet mistiedna biex tipparteċipa f’festival internazzjonali Golden Lyre ġewwa l-Belt ta’ Rybmik fil-Polonja. F’dan il-festival, ħadu sehem 11-il banda mill-Ewropa. Is-Surmast David Agius tella’ banda ppreparata sa snienha, fejn ġew esegwiti 16-il silta mużikali kollha semi klassiċi. Il-Banda San Mikiel ġiet ikklassifikata fit-tieni post bl-unuri kollha kemm għas-surmast, għall-Banda u għal pajjiżna.
Għeluq
Fil-ħajja privata tiegħu, David Agius huwa miżżewweġ lil Antonella, mużiċista wkoll fuq il-Klarinett u bandista regolari tal-Banda l’Isle Adam tar-Rabat. Huma għandhom 3 subien, Myron Jose`, Kieran u Quivan, li qegħdin jitrabbew f’ambjent mużikali tajjeb u jgħixu ġewwa r-Rabat, Malta. Fil-ħajja professjonali tiegħu, David Agius jokkupa l-kariga ta’ Senior Broker ma’ kumpanija privata tal-assikurazzjoni, fejn huwa wkoll membru kkwalifikat maċ-Chartered Institute of Insurance ġewwa Londra.