top of page
kalc.png
Writer's pictureMalcolm Schembri

Apprezzament Jimmy Buhagiar – Il-Fotografu tad-Dettalji

Bħalissa qed nimmaġina lil Jimmy jgħidli: “X’se tikteb Schembri dwari?”


Lil Jimmy lkoll konna narawh bil-kamera f’idu, kemm jekk kienet tkun xi attività li qed tiġi ċċelebrata fi ħdan il-komunità, kif ukoll barra l-komunità. Rari li l-kamera ma kinitx tkun f’idu u minbarra l-kamera, dejjem kont se tarah bil-basket imdendel ma’ spalltu. Kont tarah f’kull attività mtella’ f’Ħaż-Żabbar jieħu r-ritratti ta’ ċelebrazzjonijiet soċjali, festivi, parrokkjali u l-bqija. Jimmy kien soċi u partitarju tal-Banda San Mikiel u kien wieħed minn dawk il-fotografi li ħa bosta ritratti tas-Soċjetà.


Jimmy kien membru tas-Soċjetà Fotografika Maltija u fil-passat kien anki serva fil-Kumitat ta’ din is-Soċjetà, fejn kien dejjem jinteressa ruħu f’korsijiet li jsiru tal-fotografija ħalli dejjem iżomm ruħu aġġornat. Kien anki membru tal-Istitut tal-Vidjografija Maltija. Dawn l-għaqdiet ilkoll iddeskrivuh bħala rett f’xogħlu, umli u lest jitgħallem. Kien ta’ ftit kliem iżda meta jitkellem, kien juża kliem meqjus u jgħid dak li jgħid, frott il-għaqal li kien iħaddan. Is-skiet tiegħu kien jgħallimni, għax is-skiet bħal ġawhar. Dan ma jfissirx li kelma ma kienx jgħidha, anzi kont nammirah għal mod kif jgħidha, għax kien jikkritika fejn għandu jikkritika, dejjem għal ġid, iżda kien anki jagħraf japprezza it-tajjeb ukoll. Dejjem bl-idea f’moħħu li lil Ħaż-Żabbar iħallih aħjar milli sabu hu.



Kellu rispett kbir lejn missieri tant li f’bosta safriet li kellha l-Banda San Mikiel, hu u missieri kienu jaqblu ħafna flimkien u għalhekk kienu jaqsmu l-istess kamra u jsibu ħin jitkellmu fuq bosta xorti. F’bosta okkażjonijiet l-aktar fil-festa, lil missieri kien jiġbidlu xi ritratt, daqqa bl-istrument qed idoqq u daqqa le. Jolqotni ritratt partikolari fejn jiddeskrivi lil missieri hekk: “Il-veteran saxafonista – is-Sur Anthony Schembri”. Fost il-ħafna ritratti li ħadli kemm fil-festa kif ukoll f’attivitajiet oħra, darba ħadli ritratt u kitibli hekk: “Malcolm, dejjem attent u josserva.” U jien weġibtu: ”Ma stajtx għedt kliem aħjar - ilqatt il-musmar fuq rasu - xita ta’ ħsibijiet ikunu għaddejjin minn ġo rasi. Grazzi tar-ritratt.”


Jimmy ħadem fi ġnien kollu fjuri mlewna u żewwaq ħajjitna tant sabiħ bir-ritratti li ħa kollha lwien. Hekk se nibqgħu niftakruh, jidħol bil-mod inkiss inkiss, mingħajr storbju u bla ħoss, jiġbidlek ir-ritratt u jaqbdek f’pożizzjoni naturali, fejn ġieli lanqas tkun taf li ħadlek ritratt. Ir-ritratti se jibqgħu tifkira dejjiema tiegħu. Jimmy għadda għal ħajja ta’ dejjem l-Erbgħa 3 ta’ Frar 2021. Il-quddiesa tal-funeral tiegħu saret minn Dun Ġużepp Farrugia, il-Ħamis 4 ta’ Frar 2021 fis-Santwarju Arċipretali ta’ Ħaż-Żabbar. Rappreżentanti tas-Soċjetà kienu preżenti. Kondoljanzi lill-familjari kollha tiegħu, speċjalment lil ħuh Vincent Buhagiar, eks-President tal-Banda San Mikiel.


Il-vjaġġ it-tajjeb, sakemm niltaqgħu.


Ħabibek u dejjem fi ħsibijieti – Malcolm Schembri


John Mary (Jimmy) Buhagiar (1952-2021)

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page