top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

FIL-BIDNI NSIBU KAPPELLA DDEDIKATA LILL-MADONNA TAD-DAWL.

Fil-Bidni limiti ta’ Wied il-Għajn, insibu kappella ddedikata lill-Madonna tad-Dawl li tmur lura sa żmien il-Kavallieri. Jidher li fil-post fejn naraw il-kappella llum, diġà kienet teżisti oħra ddedikata lil San Ġwann il-Battista. 


Imma l-post kemxejn imwarrab fejn kienet tinsab din il-kappella u minħabba l-attakki kontinwi tat-Torok kien ibeżża' lin-nies milli jgħixu f’dawn l-inħawi. Minħabba f’hekk spiċċat mitluqa u meta l-isqof Balaguer Camarasa żar lil din il-kappella, ipprofanaha. Jidher li dan seħħ lejn nofs is-seklu sbatax. Fl-1733, il-kappella ddedikata lil San Ġwann il-Battista, reġgħet infetħet fi żmien l-isqof Alpheran de Bussan. Fl-1737, il-kappella waqgħet f’idejn l-ispiżjar Giuseppe Mallia li beda jxerred il-qima lejn it-titlu tal-Madonna tad-Dawl, tant li waħħal kwadru li jirrappreżenta lil dan it-titlu Marjan u biż-żmien saret tissejjaħ bħala l-kappella tal-Madonna tad-Dawl.


Dak iż-żmien, din il-kappella kienet tagħmel mal-konfini parrokkjali taż-Żejtun. Minħabba d-devozzjoni li kien xerred Mallia, ġie deċiż li din il-kappella terġa’ tinbena u dan jidher li seħħ bejn l-1754 u l-1758.  Din il-knisja kienet devota ħafna u minkejja l-post kemxejn imwarrab li kienet tinsab fih, kienu jżuruha nies minn Malta u Għawdex kollu. L-ispiżjar Giuseppe Mallia kien jorganizza ħafna quddies biex ixerred id-devozzjoni lejn din il-kappella. Hu miet ftit wara li reġgħet infetħet il-kappella bit-titlu l-ġdid. F’din il-kappella jiddomina l-altar ewlieni ddedikat lill-Madonna tad-Dawl.


Il-pittura turi lill-Madonna bil-bambin f’idejha qiegħda ttella’ ruħ mill-Purgatorju.  Fil-kwadru hemm ukoll San Ġwann il-Battista biex ifakkarna fid-dedika tal-kappella ta’ qabel u lil San Franġisk de Poala, qaddis li kien hawn devozzjoni kbira lejh fl-imgħoddi. Din il-pittura sabiħa hi attribwita lill-pittur Francesco Zahra. Mara li toqgħod f’dawk l-inħawi kkonfermatli li l-festa tal-Madonna tad-Dawl kienet issir fit-8 ta’ Settembru mal-festa ta’ Marija Bambina u qaltli wkoll li din il-kappella baqgħet f’idejn il-kleru taż-Żejtun, għax f’każ urġenti ta’ mewt, kien il-qassis miż-Żejtun li laħaq assista lill-moribond li kien qed imut fil-Bidni. Kif diġà semmejna din il-kappella fl-imgħoddi kellha devozzjoni kbira għalhekk wieħed isib diversi kwadri ex voto li saru mid-devoti.


Ritratti ta’ Caroline Busuttil u Lino Spiteri


Recent Posts

See All

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page