Il-Kappella ta’ San Anard li tinsab mad-dar tal-Barunessa, tmur lura għall-1656 meta Leonardu Sammut bena kappella li ġġib ismu u l-Isqof Miguel Juan Balaguer de Camarasa kien għamel żjara fiha f’dik is-sena.
Fil-bidu tas-seklu 20, din il-proprjetà spiċċat f’idejn il-Barunessa Maria Casici Casolani li spiċċat ir-residenza tagħha u minn hemm ġie t-titlu ‘Id-Dar tal-Barunessa’. Madwar l-1910 kien sar xogħol li jikkonsisti f’bini ta’ ħitan u l-gradi mal-madwar. L-Isqof Mikiel Gonzi kien żar il-Kappella ta’ San Anard fit-13 ta’ Marzu 1949 u din turi li l-Kappella kienet għadha taqdi l-funzjonijiet spiritwali tagħha. Biss wara l-gwerra, ir-residenza tal-Barunessa spiċċat abbandunata ħlief il-Kappella li kompliet taqdi l-ħtiġijiet spiritwali sas-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor.
Fl-1978, ġie mxandar il-programm ‘Id-Dar tas-Soru’ fuq it-TV, b’kitba ta’ Francis Ebejer u direzzjoni ta’ Lino Farrugia. Minn hemm ħadet l-isem ‘Id-Dar tas-Soru’ u sfortunatament wara li l-programm wera r-rikkezzi ta’ din id-dar, spiċċat misruqa u vvandalizzata. Minkejja li hi skedata bi grad 2 mill-MEPA fl-2006, tħalliet għal riħha titfarrak biċċa biċċa. Kellu bżonn li, ‘Id-Dar tal-Barunessa’, issirilha l-manutenzjoni meħtieġa u tiġi rrestawrata fl-oriġinalità tagħha u forsi tibda tintuża għal għanijiet kulturali u soċjali.
Comments