Wara li lejn l-aħħar tas-seklu 17 beda jinbena s-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar u t-tqassim urban tiegħu bdew jinbidlu sabiex iż-żona tas-Santwarju bdiet issir aktar iffrekwentata.
Anke jekk mhux imdawwar bil-bini li nsibu llum il-ġurnata, iż-żona tas-Santwarju u t-toroq tal-madwar bdew jieħdu xejra oħra tul is-snin fejn filwaqt Misraħ Prince of Wales (Misraħ is-Sliem) u Misraħ San Ġakbu kienu ffrekwentanti u meqjusa minn bosta bħala ċ-ċentru tar-raħal. Madwar is-Santwarju kien hemm attività liema bħala, inkluż dik kummerċjali. Infatti sa ftit aktar minn 100 sena ilu bosta kienu dawk ir-raħħala u l-bdiewa Żabbarin li kienu jużaw iz-zuntier bħala monti sabiex ibigħu l-biegħa tagħhom.
Tul is-snin, partikolarment fi żmien il-Kappillan Dun Ġużepp Żarb, iż-żona ta’ madwar is-Santwarju kompliet tiżviluppa u kienu bdew jittieħdu deċiżjonijiet sabiex iz-zuntier iservi bħala spazju li jagħti ġieħ u rispett 'il-binja sabiħa ta’ Tumas Dingli u li tant aħna kburin biha ż-Żabbarin.
Comments