Illum, is-7 ta' Ġunju 2024, jaħbat mhux biss il-festa nazzjonali tas-Sette Giugno iżda wkoll 100 jum qabel il-festa tal-Madonna tal-Grazzja, il-jum tant mistenni minna ż-Żabbarin.
Din is-sena l-festa tal-Madonna tal-Grazzja ser taħbat il-Ħadd 15 ta' Settembru. It-toroq u l-imsieraħ Żabbarin jintlew bi mħabba u bid-devozzjoni meta l-Madonna tterraq fil-purċissjoni tant mistennija mhux miż-Żabbarin biss iżda minn bosta devoti Maltin u Għawdxin.
L-Għaqda tagħna din is-sena qed tħejji ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ matul ix-xhar ta' Awwissu u Settembru. Kalendarju ta' attivitajiet għal kulħadd - b'attivitajiet, marċi, spettakli, il-kunċert annwali, fost bosta inizjattivi u sorpriżi oħra li l-voluntiera fi ħdan l-Għaqda qegħdin iħejju.
Inħarsu 'l quddiem għal dawn il-100 jum, mitt jum ta' stennija, iżda fuq kollox ta' ħidma u impenn sabiex norganizzaw bħal kull sena l-akbar festa f'pajjiżna.
Comments