Ħafna bir-raġun jistaqsu minn fejn ġej isem Ħaż-Żabbar. Żmien ilu kollox kien jinbena fuq għajdut u ħsibijiet popolari, imma llum nistgħu ngħidu li għandna studji serji ħafna fuq dawn l-ismijiet. Fl-imgħoddi, speċjalment fis-sekli 15, 16 u 17, ħafna min-nutara u mill-kittieba Maltin dejjem kienu jiktbu bl-ilsna barranin.
Għalhekk kienu jiktbu jew iniżżlu l-ismijiet tal-lokalitajiet u l-ibliet u l-irħula bil-Malti, kif semgħuhom. L-isem Żabbar, billi hu mibni fuq l-għerq Ż-B-R tal-verb ŻABAR, kienet ħaġa ħafifa li t-tifsira tintrabat ma’ wieħed li jiżbor is-siġar u d-dwieli. Hekk ħasbu l-ewwel studjużi tal-ilsien Malti. Din wasslet ukoll lil xi kittieba li ġew snin wara biex jorbtu lil Ħaż-Żabbar ma’ isem ix-xitla Żabbara jew Sabbara.
Din ix-xitla tas-Sabbara hija tal-familja Aloe li kienet u għadha mfittxija ħafna, minħabba li minnha kienu jagħmlu xorta ta’ żejt ifuħ u llum isiru minnu xi kosmetiċi. Sa minn sekli ilu, kienu jużawha ħafna biex ifewħu d-djar u l-ħwejjeġ tal-kbarat u, billi kienet imfittxija ħafna, kienet tqum sewwa.
Sakemm minn studji li għamel Godfrey Wettinger, sab li l-irħula bil-prefiss ĦAL huma ismijiet, kunjomijiet jew laqmijiet ta’ familji. Anki dawk il-kunjomijiet li jibdew b’konsonanti xemxija, bħall-kunjom ZABBAR, jieħu Ħaż- bis-sing, filwaqt li ĦAL mhix magħquda b’sing (-) minħabba li jibda b’konsonanti qamrija bħal Ħal Għaxaq.
Il-kunjom ZABBAR hu wieħed mill-iżjed antiki f’Malta u nsibu numru ta’ persuni li għamlu isem b’dal-kunjom. Mal-medda tas-snin kien jinkiteb b’modi differenti sakemm dal-kunjom ma damx wisq ma għeb u spiċċaw il-familji bl-isem Zabbar għalkemm xorta baqa’ ħaj fl-isem tal-post Ħaż-Żabbar, isem li llum l-istudjużi urewna li la għandu x’jaqsam ma’ żbir, Żabbara jew sabar u sabbara iżda hu isem, kunjom ta’ familja.
Comentarios