Dawn it-tliet slaleb qodma tista’ tarahom inti u sejjer lejn Marsaskala minn Ħaż-Żabbar. Meta f’nofs it-triq, tiltaqa’ ma’ salib it-toroq, naħa waħda tieħdok għal San Anard filwaqt li t-telgħa l-oħra twasslek saż-Żejtun. Malli tasal f’nofs it-telgħa, tilmaħ il-Kappella tal-Madonna tad-Dawl li qiegħda n-naħa tal-Bidni.
Dawn it-tliet slaleb jinsabu flimkien imnaqqxin fil-ġebla u jiksu ħajt wieħed li hu mdawwar madwar blokka. Ħarsa ddettaljata lejn dan il-monument, għax hekk jixraqlu jissejjaħ, wieħed josserva li t-tliet slaleb qed jirrappreżentaw l-ikbar ġrajja fl-istorja tal-umanità. Is-salib il-kbir li jinsab fin-nofs u li hu ta’ importanza kbira bħala oġġett storiku, jirrappreżenta l-ġrajja tal-mewt ta’ Kristu li spiċċa mislub fuq salib imdawwar minn żewġ ħallelin – il-ħalliel it-tajjeb u l-ħalliel il-ħażin li jirrappreżentaw is-slaleb iż-żgħar. Ta’ importanza hu s-salib li nsibu fin-nofs għax hemmhekk insibu skolpiti s-simboli li għandhom x’jaqsmu mal-passjoni ta’ Ġesù Kristu bħalma huma l-frosta, il-lanza, l-isponża, il-kuruna tax-xewk, l-imsiemer, il-kalċi, is-serduq, it-tnalja, id-damem, il-martell u s-sellum.
Sal-lum mhux magħruf min għamel dawn is-simboli skolpiti fil-ġebla u lanqas meta saru, għalkemm l-istorja ta’ dawn it-tliet slaleb turi li tpoġġew hemmhekk sabiex juru li fl-1615, Ħaż-Żabbar kien inqata’ minn mal-Parroċċa taż-Żejtun u sar Parroċċa għalih. It-twaqqif ta’ dan il-monument tat-tliet slaleb, għadna nistgħu ngawduh sal-lum. Huwa monument uniku u interessanti li jixraqlu aktar studju dettaljat.
Comments