top of page
kalc.png
Writer's pictureAlan Joseph Buhagiar

It-Traġedja li heżżet il-Port il-Kbir


Nhar it-3 ta’ Frar tal-1995, fl-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, theżżiża kbira f’Baċir numru 3 li dwiet mal-Kottonera u l-Port il-Kbir. Splużjoni kbira, proprju bħal-lum 26 sena ilu, tħalli t-telfa ta’ disa’ ħaddiema tad-Dockyard, fosthom iż-Żabbari Gino Sciberras. Il-ħaddiema kienu qed jagħmlu t-tiswijiet u jaħdmu fuq it-tanker taż-żejt Um El Faroud.


Inbena monument biswit is-swar tal-Kottonera biex ifakkar il-vittmi ta’ din il-ġurnata sewda, filwaqt li plakka bl-ismijiet tal-vittmi tinsab imwaħħla mal-bastiment li ġie mgħarraq lejn Wied iż-Żurrieq, fejn illum huwa attrazzjoni għall-għaddasa.



Bla dubju dan il-jum huwa wieħed iebes għall-familjari tad-disa’ vittmi, li ħarġu għax-xogħol, mingħajr ma daħlu lura d-dar. Aħna ningħaqdu ma’ Mary Grace Sciberras, it-tifla ta’ Gino Sciberras, li fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha nislet dawn il-kelmiet sbieħ:


“Sejjer għax-xogħol, jekk indum tinkwetax

Dawn ikunu l-ewwel erba’ kelmiet li ta’ kuljum

Ngħidu lil ommna, Nisa tagħna u qrabatna

Dawn ikunu l-ewwel erba’ kelmiet li l-ħaddiem tat-Tarzna jistqarr kull filgħodu.


Għax bħal kull suldat li jaqdi dmiru,

Id-destin tiegħu ma jkunx jaf fejn ser iwasslu.

Din hija l-ansjetà li l-familjari tagħna

Għandhom minquxa f'qalbhom.


Hekk hi l-ħajja ta' ħaddiem it-Tarzna,

Jiġġieled max-xogħol...... U jirbaħlu.

Jitlef max-xogħol ..... U Jmut,

Imut ta' EROJ.


Dawn huma l-EROJ tagħna.

Pilastri fl-irġulija,

Atleti fis-saħħa,

Xempji fl-imħabba.

B'mewthom, intom saħħaħtu l-għaqda ta' bejnietna.

L-għaqda li min jaħdem it-tarzna biss jaf xi ssarraf!


Strieħu fil-paċi ta' dejjem, għeżież ħutna.

Aħna ma ninsewkom QATT!


B'dedikazzjoni u b'tifkira f’għeluq is-26 sena anniversarju mit-traġedja tat-tarzna.




Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page