Illum huwa l-jum iddedikat lill-infermiera u f’sena tant impenjattiva għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa, huwa xieraq li nagħtu tislima lil dawn l-eroj. Tkellimna ma’ Andrew Giuliano, żagħżugħ Żabbari li jaħdem bħala infermier l-isptar Mater Dei, fis-sala tal-Mediċina. Din hija l-ħames sena tiegħu bħala infermier.
Staqsejnieh kif tħajjar li jistudja biex isir infermier. Andrew qalilna li minn età żgħira dejjem kien jipprova jgħin lil kull min ikollu bżonn. “Ommi tgħid li minn dejjem kont ngħid illi nixtieq insir infermier. Jien u nikber kien ikolli nidħol ħafna l-isptar minħabba problemi tal-asthma u niftakarni nammira lill-infermiera iqassmu l-pirmli u jieħdu ħsieb lill-marid. Hija fin-natural tiegħi li ngħin mingħajr ma nistenna xejn lura u nkun hemm ta’ sapport kemm fiżiku, emozzjonali u ankè mentali.”
Li tkun infermier mhijiex karriera imma missjoni. Biex taħdem f’dan ix-xogħol mingħajr passjoni huwa impossibli. Hu u jitkellem magħna, Andrew qalilna li jiltaqgħu ma’ ħafna sfidi u tbatija illi jekk tkun qiegħed hemm biss għall-paga, tispiċċa miżerabbli. Biex tkun infermier trid tkun lest li tgħin mingħajr preġudizzji u għalkemm tiltaqa’ ma’ kollox trid tkun kapaċi taħdem mingħajr ma turi d-dgħufija tiegħek.
Lil Andrew staqsejnieh x’inhuma l-ikbar sfidi u sodisfazzjon fix-xogħol tal-infermier. Andrew fis weġibna: ‘Sfidi hemm kemm trid minn agressjoni fiżika, għal tgħajjir mingħand pazjenti u ankè mill-qraba tagħhom, għall-fatt li tiġi wiċċ’imbwiċċ mal-mewt f’kull ħin ta’ xogħlok, u xi ngħidu għall-irwejjaħ li jkollna nissaportu ta’ kuljum! Imma s-sodisfazzjon huwa kbir, speċjalment dik it-tbissima ta’ pazjent illi sabek hemmhekk ħdejh waqt l-agħar mumenti ta’ ħajtu. Għalija l-isbaħ sodisfazzjon hu illi xħin tpoġġi rasek fuq l-imħadda filgħaxija wara ġurnata xogħol taf illi int kont ta’ għajnuna u sostenn għal xi ħadd.’
Bla dubju din is-sena l-pandemija tefgħet pressjoni kbira fuq l-istaff mediku kollu! Andrew spjegalna kif il-pandemija kissret kull sens ta’ sigurtà u kumdità illi kellu l-istaff mediku. Andrew u t-tim mediku li jaħdem magħhom kienu direttament milquta mill-pandemija hekk kif is-sala tagħhom minn dik medika spiċċat sala fejn jilqgħu pazjenti pożittivi għall-Covid-19. ‘Ma kinitx ħaġa faċli tara nies morda u ma tista’ tagħmlilhom xejn biex ifiqu, ħlief li ttafilhom is-sintomi u tara li jkunu komdi. Ma kinitx faċli li tara pazjenti jmutu mingħajr ma jkunu mdawrin bl-għeżież tagħhom, pazjenti li mietu weħidhom minħabba l-kwarantini, l-iżolamenti u r-restrizzjonijiet tal-viżitaturi. Kwarantina blajnieha għal darba, tnejn u ankè tlieta. Kien hemm mumenti fejn jien stess kont pożittiv għall-Covid-19 – għal darbtejn! Ma kinitx faċli. Minjaf kemm-il darba kont insuq lura għad-dar wara ġurnata xogħol mbikkem minħabba l-ammont ta’ pazjenti li nkunu tlifna. Kienet battalja iebsa u kiefra mhux biss kontra dan il-virus innifsu iżda kien hemm battalja oħra li kienet tberren f’kull moħħ tal-istaff mediku. Kull infermier kien imur lura d-dar bis-sens ta’ biżà li ser iġġor il-virus lejn id-dar u jittrasmettih lill-familjari tiegħu. Bkejna flimkien!’ Andrew spjegalna kif għalkemm il-popolazzjoni qiegħda titlaqqam u l-miżuri jiġu rilaxxati, kull ċittadin irid iżomm sens ta’ responsabbilità, biex ma nerġgħux ngħaddu minn din it-tbatija.
Aħna minn qalbna nirringrazzjaw lill-istaff mediku kollu tad-dedikazzjoni kollha matul dawn ix-xhur! Nieħdu din l-opportunità wkoll biex nirringrazzjaw lill-infermiera kollha tal-imħabba u d-dedikazzjoni li dejjem juru lejn il-pazjent. Ħallejna f’idejn Andrew biex jgħaddilna l-aħħar messaġġ f’dan il-jum iddedikat lill-infermiera:
‘Ix-xogħol ta’ infermier huwa wieħed ta’ dedikazzjoni, kompassjoni, kultant emozzjonali. Dan ix-xogħol għalkemm huwa intensiv ħafna jagħtik ukoll sens ta’ sodisfazzjon speċjalment meta tkun għamilt ħiltek kollha biex il-pazjenti tiegħek ikunu komdi u jieħdu l-kura meħtieġa biex saħħithom tmur għall-aħjar u jibdew it-triq għall-fejqan. Jiena nixtieq li aktar nies jistudjaw biex jilħqu infermiera għaliex dan ix-xogħol huwa bżonnjuż ħafna u essenzjali immensament speċjalment fil-kura tal-bniedem.’
Minn qalbna nawguraw lil Andrew fil-ħidma tiegħu u nirringrazzjawh tal-ħin li ddedika għalina.
Ritratt : Simon Muscat
Kommentare