top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

L-EX-VOTI FIL-MUŻEW TAS-SANTWARJU

L-Ex-Voti fil-Mużew tas-Santwarju huma xhieda tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja matul is-snin. Flok il-knisja monumentali ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja li naraw illum, fis-seklu 16 kien hemm kappella ċkejkna medjevali f’nofs l-għelieqi ddedikata lill-Madonna tal-Grazzja.


Fl-1570, il-Vigarju Ġenerali Mons. Antonio Bartolo żar din il-kappella u ordna inventarju tal-oġġetti li kellha. Dan l-inventarju juri li din il-kappella kienet tippossjedi pparat liturġiku u anki affarijiet mogħtija min-nies, fosthom madwar 23 wegħda ta’ deheb u fidda u xi xemgħat. Fl-1575 kien wasal f’Malta d-Delegat Appostoliku Mons. Pietro Dusina li fuq ordni tal-Papa, żar il-knejjes kollha ta’ Malta u għamel rapport dwarhom. Meta żar il-kappella tal-Madonna tal-Grazzja, Mons. Dusina jirrapporta li sab ħafna wegħdi. Huwa ordna li dawn jiddendlu iżjed fil-għoli biex ma jintmessux bl-idejn. Il-kollezzjoni tal-Ex-Voti f’Ħaż-Żabbar hija waħda interessanti ħafna u nistgħu wkoll inqisuha bħala wirt nazzjonali.


F’din il-kollezzjoni nsibu tipi differenti ta’ ex-voti. Xi wħud b’ringrazzjament lejn xi grazzja maqlugħa, kienu jħallsu xi proġett fis-Santwarju jew xi żjut, xemgħat eċċ. Fil-Mużew naraw affarijiet mogħtija b’wegħda bħal xemgħat, affarijiet mediċi, wegħdi tal-fidda (fil-aġġoranza huma ibbannjati) u kwadri. Il-kumplament tal-Ex-Voti huma kwadri mpittra fuq injam, karta u tila. Wieħed uniku hu mpitter fuq il-lavanja.


Fil-kollezzjoni nsibu madwar 80 kwadru ex-voto mogħtijin fuq firxa ta’ madwar 500 sena. Il-maġġoranza huma relatati ma’ attività marittima, waqt li 10 minnhom huma marbuta ma’ mard, mezzi ta’ trasport u diżgrazzji fuq l-art. Il-kwadri ex-voti u l-għotjiet huma xhieda ta’ devozzjoni matul snin twal lejn il-Madonna tal-Grazzja. Ħaż-Żabbar hu wieħed mill-ftit postijiet li din id-devozzjoni għadha ħajja.

 

Permezz ta' dan l-artiklu nsellmu l-memorja ta' Ġużeppi Theuma li għal żmien twil ta kontribut kbir fit-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-mużew tas-Santwarju f'Ħaż-Żabbar.

Recent Posts

See All

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page