Lejlet l-Inkurunazzjoni, is-Sibt 1 ta’ Settembru 1951, il-Banda San Mikiel żanżnet u daqqet għall-ewwel darba l-Innu Klassiku u Uffiċjali tal-Inkurunazzjoni. Kien idderieġa l-banda s-Surmast Direttur Mro. Adeodato Gatt u tkanta mit-tenur Joe Zammit Harrison, il-baritonu Pawlu Xerri u l-kor tat-tfal tal-Istitut ta’ San Ġużepp tal-Ħamrun.
Din l-Għaqda għandha rabta speċjali mal-Inkurunazzjoni tax-xbiha tal-Madonna tal-Grazzja għax hija tista’ tiftaħar li għandha l-unur li hi l-proprjetarja tal-Innu Klassiku u Uffiċjali tal-Inkurunazzjoni. Fil-fatt il-kappillan Ġużeppi Zarb kellu l-ħsieb li jsiru żewġ innijiet biss għall-Inkurunazzjoni, wieħed klassiku u l-ieħor popolari.
Għal tal-ewwel kien qabbad lil Karmenu Ellul Galea, biex jikteb il-versi li l-istess kappillan kien għażlu bħala segretarju propaganda tal-kumitat organizzattiv tal-festi tal-Inkurunazzjoni. Għall-innu popolari qabbad lil Dun Frans Camilleri, biex jikteb il-versi filwaqt li għall-mużika kien inkariga lis-Surmast Ġużeppi Casapinta. Dun Ġużepp Zarb kellu f’moħħu li l-innu klassiku u uffiċjali tal-Inkurunazzjoni jindaqq miż-żewġ baned tal-lokal. Iżda l-ħsieb tal-kappillan ta’ innu klassiku wieħed għaż-żewġ filarmoniċi ma rnexxiex għax is-Società Filarmonica Maria Mater Gratiæ qabbdet lil Mro Joseph Abela Scolaro biex jikkomponi innu għaliha.
Għalhekk kien sar ftehim li dan l-innu jingħata d-dritt tal-copyright lill-Għaqda Mużikali San Mikiel. F’kuntratt li sar għand in-nutar Dr John Micallef Trigona u li jġib id-data tat-8 ta’ Awwissu 1951, nsibu mniżżel dal-kliem: ‘Kontestwalment il-komparenti Wisq Reverendu Kappillan Dun Giuseppe Zarb qiegħed jagħti u jittrasferixxi b’titolu ta’ donazzjoni lill-imsemmija Società Filarmonica San Michele... l-Innu fuq deskritt kif intqal mill-Maestro Giuseppe Casapinta b’diritti d’autore relattivi u taħt il-kundizzjoni li dan l-Innu jinżamm bħala l-Innu Uffiċjali tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja u li ma jkunx jista’ jiġi sostitwit taħt l-ebda ċirkostanza b’innu ieħor’. Skont dal-kuntratt li sar bejn il-kappillan, il-kompożitur u l-awtur, dan l-innu ġie trasferit lil Cosimo Sciberras, President tal-Għaqda Mużikali San Mikiel.
Sal-lum, l-Għaqda għadha tgħożż dan l-Innu Klassifiku u Uffiċjali li nkiteb għal dil-okkażjoni u li jinsab fl-Arkivju u li ħadd ma jista’ jdoqqu mingħajr il-permess ta’ din l-istess Soċjetà. Dan l-Innu jagħmel parti mis-sehem ta’ dil-ġrajja storika mnaqqxa b’ittri tad-deheb.
Comments