top of page
kalc.png
Writer's pictureMalcolm Schembri

LIEMA HU L-AKTAR MARĊ FAVORIT TIEGĦEK?

Marċi favoriti tiegħi hemm ħafna u huwa impossibbli li l-għażla taqa’ fuq wieħed biss. Il-Banda San Mikiel kienet dejjem rinomata għall-marċi li kienet iżżanżan ta’ kull sena fil-festa tal-Madonna tal-Grazzja.


Bla ebda dubju li nħoss nostalġija kbira għal ħafna marċi mill-passat għax sawruli ħajti u ġegħluni nħobb il-marċ Malti. Se nsemmi ftit mill-ħafna marċi li jnisslu fija nostalġija kbira: “Semper Virens” u “Joyful Day” tas-Surmast Adedoato Gatt, “Iż-Żbejjaħ” u “A Small Big Step” tas-Surmast Philip Gatt, “Melita”, “Balfrendozan”, “La Signora Rita” tal-Maġġur Anthony Aquilina, “Ġanni u Pawlu” u “Il-Messaġġ” tas-Surmast John J. Pace, “L-Ewwel Banda”, “Id f’Id” u “Calypso” tas-Surmast Emanuel Bugeja, “L-Anniversarju”, “Magnus” u “L-Aħdar Rebbieħ” tas-Surmast Andrew Coleiro, Kieran Marley ta' Kevin Abela u tant marċi sbieħ li għadhom jindaqqu sal-lum. Bla ebda dubju mhux se nħalli barra li nsemmi lill-Prinċep tal-marċi Maltin, is-Surmast Luigi Bongailas, għan-numru kbir ta’ marċi tal-widna li kkompona u li għadhom jindaqqu sal-lum.


Miegħu jingħaqad ukoll ir-Re tal-marċi, is-Surmast Vincenzo Ciappara li wkoll tana marċi immortali. Fiż-żminijiet tal-lum għandna marċi bħal “Santos” u “Amigos” tas-Surmast David Agius, “Unforgettable” tas-Surmast Dennis Camilleri, “30 Sena Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti” u “Kummissjoni Planċier” tas-Surmast attwali Matthew Grech. Il-Banda San Mikiel kellha u għad għandha mużiċisti u Surmastrijet ta’ stoffa li kitbu u għadhom jiktbu kompożizzjonijiet mużikali li baqgħu msemmija għalihom u għadhom jindaqqu sal-lum, saħansitra minn baned oħra. U dak huwa l-aqwa ċertifikat li ġġorr din il-Banda.

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page