top of page
kalc.png

MA WAQAFNA QATT

Minkejja li matul iż-żminijiet, is-Soċjetà kellha tiltaqa’ ma’ numru ta’ diffikultajiet fil-ħajja twila tagħha, hija qatt ma qatgħet qalbha u baqgħet għaddejja. Insemmu riċentament il-pandemija tal-Covid 19, iżda fl-erbgħinijiet tas-seklu għoxrin, is-Soċjetà kellha tħabbat rasha mat-tieni gwerra dinjija. Pajjiżna bata ħafna. Sofra l-imwiet, il-mard u l-faqar.


It-Tieni Gwerra Dinjija ġabet żmien imwiegħer. Intlaqat kulħadd, inklużi l-Każini tal-Banda. Iżda minkejja kollox, fl-1943, il-Banda San Mikiel baqgħet attiva u kienet l-unika banda li ħadet sehem fit-Te Deum ta’ dik is-sena, nhar Sibt il-festa. Il-ġurnal Il-Berqa tal-Ġimgħa 10 ta’ Settembru 1943 jgħid: “Bosta għaqdiet mużikali kienu mġiegħla jagħlqu l-każini tagħhom. Każini oħra baqgħu miftuħa u komplew bl-attività tagħhom. Waħda minn dawn hija l-Għaqda Mużikali San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar. Għalkemm tliet kwarti mill-każin tal-Għaqda kien imġarraf fil-ħbit mill-ajru, il-kumitat, il-bandisti u l-imsieħba kollha, baqgħu jiltaqgħu fl-intrata u fil-persjana, il-postijiet waħdanin li kienu baqgħu sħaħ…’’ Dakinhar inkitbet l-istorja u reġgħet inkitbet mill-ġdid meta fil-festa 2021 konna l-unika Soċjetà mużikali f’pajjiżna li l-Banda San Mikiel irnexxielha ttella’ kunċert vokali u strumentali mill-aqwa bl-isem Sultana tal-Grazzja f’għeluq is-70 sena mill-Inkurunazzjoni tal-kwadru titulari nhar il-Ħamis 9 ta’ Settembru 2021, b’400 ruħ bilqiegħda apparti l-mużiċisti u żewġ marċi: dak tal-Aħħar Salve, il-Ġimgħa 10 ta’ Settembru 2021 u l-marċ tat-Te-Deum, is-Sibt 11 ta’ Settembru 2021. Naħseb li l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel serviet t’eżempju għax bl-attivitajiet li wettqet, taw prova ċara li fejn hemm ir-rieda u l-ħeġġa, il-ħidma ma tiqafx anzi tibqa’ għaddejja. Minkejja r-restrizzjonijiet, MA WAQAFNA QATT.




Комментарии


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page