top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

RESTAWR ESTENSIV FUQ L-ANĠLI TAL-MISRAĦ

Fi żmien il-Festa, il-Misraħ jiżżejjen bl-ifjen tiżjin sabiex jilqa' fih iċ-ċelebrazzjonijiet li jiġu organizzati mill-Għaqda tagħna u fuq kollox lill-Madonna tal-Grazzja, li tterraq mal-imsieraħ Żabbarin nhar Jum il-Festa.


Fost it-tiżjin mill-isbaħ li nsibu f’Misraħ is-Sliem, hemm 11-il anġlu, xogħol l-istatwarju Żabbari Rennie Abela li fl-2001 kien ġie kkummissjonat biex jaħdem dawn l-anġli bil-kartapesta. Proġett ta' Kummissjoni Nar u Armar li għadna ngawdu l-frott tiegħu sal-lum il-ġurnata.


Dawn l-anġli kienu tħallsu minn bosta benefatturi partikolarment familji partitarji tal-Għaqda u li jgħixu wkoll fl-akwati.


Issa li għaddew kważi 23 sena minn dan il-proġett, Kummissjoni Nar u Armar daħlet għall-proġett ta’ restawr estensiv ta’ dawn l-anġli, anke għaliex tul is-snin l-elementi - partikolarment ix-xita u x-xemx, ħallew impatt liema bħalu.


Dawn l-anġli qed jiġu maħduma mill-ġdid fil-fiber sabiex ikunu jistgħu jifilħu għall-elementi. Kull anġlu qiegħed jiswa madwar €2000 u s’issa tlestew ħamsa. Ix-xogħol fuq il-kumplament mistenni jitlesta f’qasir żmien sabiex dawn l-anġli jkomplu jsebbħu l-imsieraħ fil-festa għażiża tagħna.

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page