Aktar kmieni din is-sena, fuq inizjattiva ta’ Charolt Desira, twaqqfu żewġ timijiet tal-billiard f’isem Verde Club Lounge, fi ħdan l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel.
Tul dan l-istaġun li għadu kemm intemm, it-timijiet kienu kompetittivi minn ġimgħa għal oħra u kisbu interess notevoli minn numru ta’ dilettanti u sportivi madwar il-pajjiż.
Il-League Nazzjonali tal-Billiard ġie fi tmiemu ftit jiem ilu, fejn matul dan l-istaġun żewġ timijiet mill-Għaqda tagħna pparteċipaw fit-3 Diviżjoni. Team A għamel suċċess kontinwu matul l-istaġun, fejn ikklassifika fit-tieni post fil-league u saħansitra kiseb il-promozzjoni għat-2 Diviżjoni.
Din mhux l-ewwel darba li l-Għaqda tagħna kienet attiva f’inizjattivi sportivi u li fihom tikseb suċċess notevoli. Fis-snin l-imgħoddija l-Għaqda kellha wkoll timijiet oħra tal-billiard li kisbu suċċess f’tournaments u leagues nazzjonali oħra. Dan juri l-ħeġġa ta’ bosta partitarji li jżommu isem l-Għaqda ħaj tul is-sena kollha kemm b’impenji kulturali kif ukoll sportivi.
Dawn it-timijiet ikkumplimentaw il-proġett tas-sala tal-isports fis-sede tal-każin, proġett li issa ilu inawgurat aktar minn sentejn, bħala parti mill-investiment li t-tmexxija tal-bottegin impenjat ruħa fih bi ftehim bejn l-Għaqda u l-operatur.
Comments