top of page
kalc.png
Writer's pictureZabbar.MT Team

TAL-LINJA L-ĦADRA TA' ĦAŻ-ŻABBAR

Il-karozzi tal-linja jew ix-xarabanks f’Malta tfaċċaw fl-1905. Minbarra li kienu jipprovdu trasport pubbliku madwar il-pajjiż, sal-2011, ix-xarabank tradizzjonali ta’ Malta serviet bħala attrazzjoni turistika popolari minħabba d-dehra unika tagħhom.


Sal-aħħar ta’ din l-operazzjoni tradizzjonali, Malta kellha diversi tipi ta’ karozzi tal-linja. Il-karozza tal-linja ta’ Malta ħarġet mit-tradizzjoni li x-xufiera kienu s-sidien tal-karozzi li jsuqu, u l-prattika storika tagħhom li jaddattawhom kif jogħġob lilhom. Minbarra l-element ta' dekorazzjonijiet li konna naraw fihom, bosta karozzi tal-linja kellhom ukoll id-dehra unika tagħhom. Il-karozzi tal-linja tal-bidu kienu ħodor bi strixxa sewda.


Fis-snin tletin, il-karozzi tal-linja kienu miżbugħin kuluri differenti skont ir-rotta li kienu joperaw. Hekk insibu li x-xarabank ta’ Ħaż-Żabbar kienet ħamra bil-blu bin-numru 2881. Illum, din ix-xarabank għadna narawha fit-triq f’kundizzjoni tajba ħafna u tintuża biex tagħti servizz lit-turisti. Fis-sebgħinijiet tas-seklu għoxrin, il-karozzi tal-linja ġew miżbugħin ħodor.


Fil-fatt, jien ilħaqt dal-perjodu meta tal-linja kienu ħodor fejn imbagħad, fl-1995 inżebgħu sofor (in-naħa t’isfel) u abjad (in-naħa ta’ fuq) u b’faxxa ħamra eżatt taħt it-tieqa. Aktar tard fis-seklu tagħna, is-seklu wieħed u għoxrin, ħaduhom taħt idejhom il-kumpaniji privati. F’Ħaż-Żabbar kellna venda (terminu li għadu jintuża sal-lum) li qiegħda qrib is-St. Patrick’s FC. Illum dik li konna, ngħidulha l-venda, iżżejnet b’siġar u qsari u m’għadhiex tintuża għax-xarabanks, iżda biex jipparkjaw il-karozzi privati.

Comentários


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page