top of page
kalc.png
Writer's pictureGail Grech Delia

X'inhu s-sigriet ta' relazzjoni sabiħa?


F'Jum il-Festa ta' San Valentinu tkellimna ftit ma' Gejtu; bniedem li ħadem ħafna u għadu jaħdem b'mod volontarju fl-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883, flimkien ma' martu Frances li hi wkoll involuta fl-istess Għaqda.


Iltaqgħu waqt li kienu qegħdin jippassiġġaw Garden Road. Qatt ma kienu ltaqgħu qabel. Madanakollu, Frances qaltilna li hi kienet l-iskola m'oħt Gejtu. Gejtu ammetta li kien hu li ttanta lil Frances.


Illum għalqu 47 sena miżżewġin. Qalulna kemm it-tieg tagħhom kien differenti minn kif jitħejja llum ... Kif wieħed jista' jobsor, Gejtu u Frances iżżewġu fis-Santwarju ta' Ħaż-Żabbar fejn żewwiġhom Mons. Ġużeppi Farrugia. Frances tiżvela li dakinhar inzertat qamet maltempata li saħansitra kissret ukoll wieħed mill-arbli ta' fejn il-Knisja u għalhekk il-mistednin b'ġirja waħda marru għar-riċeviment ġewwa s-Sala tal-Kappillan.


Il-ħajja mhux dejjem faċli imma bit-tlajja' u l-inżul tagħha, Gejtu u Frances jgħixu ħajja sabiħa flimkien. Għandhom żewgt itfal u seba' neputijiet!


Meta staqsejniehom x'inhu s-sigriet ta' relazzjoni hekk sabiħa, Gejtu qalilna li fil-ħajja miżżewġa hi importanti ħafna l-maħfra id f'id mal-paċenzja, fejn il-koppja trid taħfer u tieħu paċenzja b'xulxin. Fil-pront Frances qaltilna bid-daħka, "Għadkom lanqas tafu kemm nieħu paċenzja bih!"


Din il-koppja ħelwa jagħtu parir lill-koppji oħrajn biex joqogħdu dejjem attenti li jieħdu ħsieb xulxin u jgawdu lil xulxin kemm jistgħu.


Aħna minn qalbna nawguraw lil Gejtu u lil Frances ħajja sabiħa u feliċi mimlija mħabba u saħħa, kif ukoll imżewqa bil-familjari u ħbieb tagħhom. Nieħdu din l-okkażjoni wkoll biex nawguraw ħafna affarijiet sbieħ lill-maħbubin kollha, illum u dejjem!

Recent Posts

See All

Comments


AQRA AKTAR ARTIKLI 
bottom of page