Illum huwa l-Jum Dinji ddedikat lill-mużika u għalhekk bix-xieraq li nitfgħu ħarsitna lejn din il-Banda tant glorjuża. Il-Banda San Mikiel għandha fi ħdanha ’il fuq minn 70 mużiċist, filwaqt li l-iskola tal-mużika tħaddan mat-30 student. Il-Banda San Mikiel f’dawn il-138 sena kisbet diversi suċċessi, fosthom:
- Kienet minn tal-ewwel li ħaddnet l-inklussività u kellha mużiċisti nisa fil-Banda;
- Għal 12-il darba irrapreżentat il-Kultura mużikali Maltija barra minn xtutna;
- Rebħet il-Gara Mużikali għall-10 darbiet, fejn uriet il-ħiliet tal-mużiċisti fi ħdanha; u
- Ħadet sehem f’diversi kunċerti u festivals ta’ livell għoli.
Dawn is-suċċessi huma kollha grazzi għall-mużiċisti, surmastrijiet u dawk kollha li ħadmu b’risq din il-Banda Żabbarija, ferm popolari ġewwa pajjiżna. Għalhekk kien bix-xieraq li nitkellmu ftit mas-Surmast Direttur u ma’ ftit mill-mużiċisti biex nifhmu eżatt xi tfisser il-mużika għalihom u nifhmu ftit x’inhi din l-imħabba ta’ tant żgħażagħ u adulti lejn din il-lingwa universali!
Matthew Grech, is-Surmast Direttur tal-Banda San Mikiel beda jitgħallem il-mużika minn età żgħira. “Meta kont żgħir il-ġenituri tiegħi dejjem esponewni għall-mużika. Konna mmorru kull fejn tkun ser iddoqq il-Banda San Mikiel. B’hekk bdejt ninteressa ruħi fil-mużika, fil-ġeneri differenti tagħha u fil-kompożizzjoni.” Bla dubju ta’ xejn, il-mużika, għas-Surmast Direttur, hi parti kbira minn ħajtu. “Il-mużika hi mod li biha nħoss li nista’ nesprimi lili nnifsi. Kemm jekk b’xi arranġamenti mużikali u anke b’xi kitba ġdida ta’ marċi jew siltiet.” Il-mużika tirrikjedi diversi preparamenti u xogħol. Apparti t-taħriġ, Programm Mużikali jinkludi ħafna xogħol amministrattiv, loġistiku u tekniku.
Tkellimna ftit ma’ Celine Pace, bandista li ħarġet iddoqq mal-Banda San Mikiel fl-2010 u tifforma parti minn Kummissjoni Banda. Spjegatilna kif kull ġimgħa jiltaqgħu biex bħala grupp ta’ nies jaħdmu flimkien jippreparaw għall-kunċerti, arkivjar, xogħol fuq libretti ġodda u xogħol ieħor amministrattiv li għalkemm ma jidhirx jieħu ħafna ħin u xogħol.
Tkellimna wkoll ma’ Dorianne Coleiro li ilha ddoqq mal-Banda San Mikiel iktar minn 30 sena. Hija s-solista fuq il-flawt u għalliema tat-Teorija tal-Mużika. Il-mużika għal Dorianne hija passatemp impenjattiv u sabiħ. Il-mużika “tagħtini l-opportunità li naħdem fi grupp meta bħala banda kulħadd idoqq il-parti tiegħu però mbagħad kollha flimkien noħorġu prodott komplut. Il-mużika tagħtini l-abbiltà li biha nferraħ lil ħaddieħor u x’hemm isbaħ milli b’dak li tagħmel, tagħmel lil ħaddieħor kuntent!”
Carmen Curmi, li ħarġet iddoqq mal-Banda San Mikiel fl-2012 fuq is-saxaphone u membru wkoll ta’ Kummissjoni Banda, qasmet l-istess ħsibijiet bħal Dorianne fejn qaltilna li mingħajr mużika d-dinja mhi xejn. ‘Il-ħoss huwa gost u jagħti l-ħajja lill-ħajjitna. Meta ndoqq mal-Banda ninsa kull problema li fiha l-ħajja u nibda naħseb biss f’dawk in-noti ħelwin li bihom tkun qed tferraħ lil ta’ madwarek.” Celine Pace ukoll qaltilna li l-mużika tirilassaha u matul l-ħin li tkun qed iddoqq tinsa l-problemi tal-ġurnata.
Staqsejna wieħed mill-iżgħar membri fi ħdan il-Banda San Mikiel, Dacian Camilleri, x’inhi l-mużika għalih, fejn qalilna li l-mużika hija kollox u tħaddan diversi stili u modi, minn ħoss ta’ tektika bil-lapes għall-orkestra sħiħa. Il-mużika tirrekjedi wkoll ħafna ħin ta’ taħriġ.
Dorianne qaltilna li l-mużika mhux passatemp li tagħmlu meta jkollok ċans, imma trid tagħmlu regolari, bħall-atletika. “Jekk tieqaf, l-abbiltà tal-ħeffa tas-swaba’ tieqaf u l-ħoss ma jibqax sabiħ. Trid tibqa’ ddoqq regolari u titgħallem tul ħajtek kollha”. Is-Surmast Direttur Matthew Grech ukoll jagħti dan il-parir lill-mużiċisti kollha. Huwa jtenni li “tkun xi tkun il-linja tiegħek; bandist, kompożitur, għalliem jew direttur mużikali, il-mużika trid tiġi ppratikata, studjata u esegwita spiss.” Il-Banda hija wkoll ferm impenjattiva, speċjalment meta tara l-kalendarju annwali tas-servizzi tal-Banda San Mikiel. Staqsejna lill-mużiċisti, x’jiġbidhom daqshekk lejn il-Banda San Mikiel. Ilkoll semmew l-unuri u l-professjonalità li biha timxi l-Banda. Dacian, perkussjonista li ħareġ iddoqq mal-Banda San Mikiel fl-2016, semma’ punt ferm importanti fejn qal li “bi kburija nħobb indoqq mal-Banda San Mikiel għax din hija waħda inklussiva u toħroġ it-talenti ta’ kulħadd”.
Dan huwa dak li jagħmilna banda glorjuża!
Comentarios